Għażliet tat-Tfixxija
Paġna ewlenija Midja Spjegazzjonijiet Riċerka u Pubblikazzjonijiet Statistika Politika Monetarja L-€uro Ħlasijiet u Swieq Karrieri
Suġġerimenti
Issortja skont

Naħat nazzjonali

20 ċenteżmu

Andorra

Andorra ffirmat Ftehim Monetarju mal-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Ġunju 2011. B'hekk Andorra tista' tuża l-euro bħala munita uffiċjali u toħroġ il-muniti tal-euro tagħha. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm il-knisja Romaneska ta' Santa Coloma.

Andorra

Belt tal-Vatikan

Hemm ħames sensiliet ta' muniti tal-Belt tal-Vatikan fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

L-ewwel sensiela, fejn tidher ix-xbieha tal-Papa Ġwanni Pawlu II, ħarġet bejn l-2002 u l-2005.

It-tieni sensiela, li nħarġet bejn Ġunju 2005 u Marzu 2006, għandha l-istemma araldika tal-Kardinal Ċambellan, l-aġent kap tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, li hi stampata fuq l-emblema tal-Kamra Appostolika fiċ-ċentru tal-munita. Madwar il-parti ta' fuq ta' dan id-disinn hemm il-kliem "SEDE VACANTE" rranġati f'nofs ċirku flimkien mas-sena tal-ħruġ b’numri Rumani, jiġifieri "MMV". L-isem tad-disinjatur, "D. LONGO", jidher fix-xifer t’isfel fuq ix-xellug tad-disinn ċentrali, waqt li l-inizjali tal-intaljaturi rispettivi jidhru fix-xifer t’isfel fuq il-lemin, jiġifieri "MAC inc" (fuq il-muniti ta’ 1 ċenteżmu u 20 ċenteżmu), "LDS inc" (fuq il-muniti ta’ 2 ċenteżmi u 50 ċenteżmu), "ELF inc" (fuq il-muniti ta’ 5 ċenteżmi u €1) u "MCC inc" (fuq il-muniti ta’ 10 ċenteżmi u €2).

Fit-tielet sensiela, maħruġa bejn April 2006 u Diċembru 2013, hemm ix-xbieha tal-Papa Benedittu XVI. Fuq ix-xellug hemm l-inizjali tad-disinjatur ("DL").

Fir-raba' sensiela, li nħarġet għall-ewwel darba f'Jannar 2014, hemm ix-xbieha tal-Papa Franġisku.

Fil-ħames sensiela, li nħarġet għall-ewwel darba f'Marzu 2017, hemm l-istemma araldika tas-Sovran tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan, il-Papa Franġisku.

Fuq il-muniti ta' kull sensiela hemm it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea, il-kliem "CITTÀ DEL VATICANO", is-sena tal-ħruġ u l-marka taz-zekka "R".

Belt tal-Vatikan

Ċipru

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-ġifen ta' Kirenja, bastiment merkantili tar-raba' seklu qabel Kristu, simbolu tal-istorja tat-tbaħħir ta' Ċipru u tal-importanza tal-pajjiż bħala ċentru tal-kummerċ.

Ċipru

Franza

Kull denominazzjoni tal-munita Franċiża għandha disinn differenti. Hemm serje waħda ta’ muniti fiċ-ċirkolazzjoni għall-muniti ta’ 1, 2 u 5 ċenteżmi u żewġ serje għall-€1, €2 u għall-muniti tal-10, 20, u 50 ċenteżmu. Kollha huma validi bħala valuta legali.

L-ewwel serje tal-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu ġiet iddisinjata minn Laurent Jorlo. Turi persuna li qed tiżra’, figura li tidher b’mod komuni fuq il-frank Franċiż. Din ix-xbieha moderna u bla żmien tinkorpora Franza, li tibqa’ ssegwi l-prinċipji tagħha, filwaqt li tintegra l-Ewropa.

Fl-2024, Franza introduċiet it-tieni sensiela ta’ muniti tal-20 ċenteżmu. Iddisinjata minn Joaquin Jimenez, il-munita fiha xbieha ta’ Josephine Baker, kantanta, żeffiena u attivista għad-drittijiet ċivili. Ġiet ippremjata bil-Midalja tar-Reżistenza, bil-Croix de Guerre u bil-Legion D’Honneur għall-isforzi tagħha matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Ix-xbieha hija ssettjata fi ħdan motif tal-bandiera Franċiża, li jissimbolizza l-post ikoniku ta’ Baker fir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata mill-ittri RF.

Franza

Il-Belġju

Il-muniti tal-euro tal-Belġju ġew iddisinjati minn Jan Alfons Keustermans, Direttur tal-Akkademja Muniċipali tal-Arti ta' Turnhout. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

Fl-ewwel sensiela jidher ir-Re Albert II fil-parti ta' ġewwa tal-munita, filwaqt li l-monogramma rjali, "A" kbira taħt kuruna, fost it-12-il stilla simbolu tal-Ewropa u s-sena tal-ħruġ jidhru fil-parti ta' barra.

Fl-2008, il-Belġju għamel bidla żgħira fid-disinn biex jikkonforma mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea. Il-muniti tat-tieni sensiela wkoll juru lir-Re Albert II, iżda l-monogramma rjali u s-sena tal-ħruġ issa jidhru fil-parti ta' ġewwa tal-munita flimkien mal-marki taz-zekka u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE".

Fl-2014, il-Belġju introduċa t-tielet sensiela ta' muniti tal-euro li juru lir-Re Philippe, il-mongramma rjali tiegħu "FP" u l-kodiċi tal-pajjiż għall-Belġju "BE". Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tas-sena tal-ħruġ.

Il-Belġju

Il-Finlandja

Il-Finlandja għażlet tliet disinji bbażati fuq dawk li ntużaw qabel fuq il-muniti nazzjonali. Il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-iljun araldiku Finlandiż f'riproduzzjoni ta’ disinn tal-iskultur Heikki Häiväoja. Matul is-snin intużaw diversi disinji differenti tal-iljun araldiku fuq bosta muniti tal-Finlandja, bħal fuq il-muniti ta' 1 markka bejn l-1964 u l-2001.

Il-Finlandja

Il-Ġermanja

Uffiċjali u esperti fin-numismatika Ġermaniżi għażlu tliet disinji differenti għall-muniti tal-euro tagħhom. Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru xbieha tal-Bieb ta’ Brandenburg, simbolu tal-qasma u r-riunifikazzjoni sussegwenti tal-Ġermanja. Il-perspettiva tad-disinn, li sar minn Reinhard Heinsdorff, tenfasizza l-ftuħ tal-bieb sabiex titfa' l-attenzjoni fuq ir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja u tal-Ewropa.

Il-Ġermanja

Il-Greċja

Il-Ministru għall-Ekonomija Nazzjonali u l-Gvernatur tal-Bank tal-Greċja għażlu d-disinji għall-muniti tal-euro tagħhom minn sett ta’ proposti ppreżentati minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali. Id-disinji rebbieħa saru mill-iskultur Georges Stamatopoulos, bi sponsorizzazzjoni mill-Bank tal-Greċja. Hemm disinn differenti għal kull denominazzjoni. Din il-munita tfakkar lil Ioannis Capodistrias (1776-1831), politiku u diplomatiku ewlieni nazzjonali u Ewropew li sar l-ewwel Gvernatur tal-Greċja (1830-31) wara l-Gwerra Griega tal-Indipendenza (1821-27).

Il-Greċja

Il-Kroazja

Il-Kroazja għażlet erba' disinji għan-naħat nazzjonali tal-muniti tal-euro, kollha juru l-mudell distintiv tal-iskakkiera Kroata fl-isfond. Fuq il-muniti kollha jidhru t-12-il stilla tal-bandiera Ewropea.

Il-munita tal-20 ċenteżmu fiha xbieha tal-inventur u inġinier Nikola Tesla, li żviluppa teknoloġija tal-kurrent alternat. Il-munita ġiet iddisinjata minn Ivan Domagoj Račić u tinkludi s-sena tal-ħruġ u l-iskrizzjoni “HRVATSKA”, l-isem tal-pajjiż bil-Kroat.

Il-Kroazja

Il-Latvja

Il-munita ta' 20 ċenteżmu turi l-istemma araldika l-kbira tar-Repubblika tal-Latvja. Id-disinjatur huwa Laimonis Šēnbergs.

Il-Latvja

Il-Litwanja

Il-muniti tal-euro tal-Litwanja juru l-istemma araldika tar-Repubblika tal-Litwanja, Vytis, il-pajjiż li ħariġhom "LIETUVA" u s-sena meta ħarġu "2015". Il-muniti juru wkoll it-12-il stilla tal-bandiera Ewropea. Ġew iddisinjati mill-iskultur Antanas Žukauskas.

Il-Litwanja

Il-Lussemburgu

Yvette Gastauer-Claire ddisinjat il-muniti bi qbil mal-Familja Rjali u mal-Gvern tal-Lussemburgu.

Il-muniti kollha tal-Lussemburgu juru l-profil tal-Altezza Rjali Tiegħu, il-Gran Duka Henri. Juru wkoll is-sena meta ħarġu u l-kelma "Lussemburgu" miktuba bil-Lussemburgiż("Lëtzebuerg").

Il-Lussemburgu

Il-Portugall

Intgħażlu tliet disinji differenti minn fost dawk li daħlu għal kompetizzjoni nazzjonali. Id-disinjatur, Vítor Manuel Fernandes dos Santos, li tnebbaħ mis-simboli storiċi u mis-siġilli tal-ewwel Re tal-Portugall Dom Afonso Henriques, rebaħ il-kompetizzjoni bid-disinji li ġejjin: Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru s-siġill irjali tal-1142 bħala x-xbieha ewlenija tad-disinn.

Il-Portugall

In-Netherlands

Għall-ewwel sensiela, in-Nederlands għażlu żewġ disinji ta' Bruno Ninaber van Eyben li juru r-Reġina Beatriċe. Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. It-tnejn huma validi.

It-tieni sensiela, li daħlet fl-2014, turi lir-Re Willem-Alexander flimkien mal-iskrizzjoni "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Re tan-Netherlands).

Muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi, 5 ċenteżmi, 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu:

L-ewwel sensiela: Tidher xbieha tar-Reġina Beatriċe flimkien mal-iskrizzjoni "Beatrix Koningin der Nederlanden" (Beatriċe Reġina tan-Netherlands).

It-tieni sensiela: Fuq ix-xbieha tar-Re Willem-Alexander hemm il-kliem "Willem-Alexander Koning der Nederlanden" (Re tan-Netherlands). Il-marki taz-zekka jidhru fuq kull naħa tal-isem.

In-Netherlands

Is-Slovakkja

Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm il-kastell ta' Bratislava u l-emblema nazzjonali tas-Slovakkja.

Is-Slovakkja

Is-Slovenja

Il-karatteristika ċentrali ta’ dan id-disinn hija ż-żwiemel Lipizzaner.

Is-Slovenja

L-Awstrija

L-Awstrija għażlet li tipproduċi sensiela ta’ muniti li juru fjuri, arkitettura u nies famużi mill-istorja tagħha. Id-disinji ntgħażlu minn ġurija nazzjonali wara stħarriġ tal-opinjoni pubblika. L-artist Awstrijak, Josef Kaiser, ħoloq id-disinji. Din il-munita turi l-Palazz Belvedere, wieħed mill-aktar palazzi barokki sbieħ fl-Awstrija. It-trattat li reġa' stabbilixxa s-sovranità tal-Awstrija ġie ffirmat hawnhekk fl-1955, u ismu sar sinonimu mal-libertà.

L-Awstrija

L-Estonja

Id-disinn tan-naħa nazzjonali tal-muniti tal-Estonja hu l-istess għad-denominazzjonijiet kollha. Juri xbieha ġeografika tal-Estonja u l-kelma "Eesti", li tfisser "Estonja".

L-Estonja

L-Irlanda

Il-Gvern tal-Irlanda ddeċieda li kellu jkun hemm disinn nazzjonali wieħed għad-denominazzjonijiet kollha tal-muniti Irlandiżi. Dawn juru xbieha tal-arpa Ċeltika, simbolu tradizzjonali tal-Irlanda, imżejna bis-sena tal-ħruġ u l-kelma "Éire − Irlanda bl-Irlandiż. L-arpa li tidher fuq il-muniti ġiet iddisinjata minn Jarlath Hayes.

L-Irlanda

L-Italja

Fl-Italja, id-disinji tal-muniti tal-euro kienu suġġetti għal skrutinju minn kumitat tekniku u artistiku nazzjonali qabel ma ġew ippreżentati lin-nazzjon fuq RAI UNO, l-akbar stazzjon televiżiv nazzjonali tal-Italja. Intgħażel disinn differenti għal kull denominazzjoni minn fost kapolavuri ta' artisti Taljani famużi. Din il-munita fiha stampa ta’ skultura ta' Umberto Boccioni, pijunier tal-iskola futuristika Taljana.

L-Italja

Malta

Il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu juru l-Arma ta' Malta, tarka b'rappreżentazzjoni araldika tal-bandiera nazzjonali ta' Malta. Fuq it-tarka hemm kuruna tal-ġebel li tirrappreżenta l-fortifikazzjonijiet ta' Malta u tfisser li Malta għandha l-istatus ta' belt stat. It-tarka hija mdawra b’girlanda magħmula minn żewġ friegħi, waħda taż-żebbuġ fuq ix-xellug u l-oħra tal-palm fuq il-lemin, it-tnejn simboli tal-paċi li tradizzjonalment għandhom x’jaqsmu ma’ Malta. Il-girlanda hija marbuta fit-tarf t’isfel b’żigarella li għandha l-iskrizzjoni "Repubblika ta’ Malta".

Malta

Monako

Hemm żewġ sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni.

L-ewwel sensiela turi l-Altezza Serena Tiegħu, il-Prinċep Rainier III fuq il-munita ta’ €2. Fuq il-munita tal-€1 hemm xbieha doppja tal-uċuħ tal-Altezza Serena Tiegħu, il-Prinċep Rainier III u tal-Altezza Serena Tiegħu, il-Prinċep Ereditarju Albert. Fuq il-muniti tal-10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu hemm is-siġill tal-Prinċep. L-istemma araldika tal-Prinċipijiet Sovrani ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

It-tieni sensiela turi xbieha ta' wiċċ l-Altezza Serena Tiegħu, il-Prinċep Albert II, fuq il-muniti tal-€1 u €2. Monogramma tal-Altezza Serena Tiegħu, il-Prinċep Albert II, tidher fuq il-muniti ta' 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu. L-istemma araldika tal-Prinċipijiet Sovrana ta’ Monako tidher fuq il-muniti ta' 1 ċenteżmu, 2 ċenteżmi u 5 ċenteżmi.

Monako

San Marino

L-ewwel sensiela: Fuq din il-munita jidher San Marino, kif jidher fuq tila tal-iskola ta’ Guercino.


It-tieni sensiela: Fuq din il-munita hemm l-għolja Titano bit-tliet Torrijiet.

San Marino

Spanja

Il-muniti ta’ Spanja għandhom tliet disinji bi xbihat tar-Re, Miguel de Cervantes u tal-katidral ta’ Santiago de Compostela. Hemm tliet sensiliet ta' muniti fiċ-ċirkolazzjoni. Kollha huma validi.

Għat-tieni sensiela, fl-2010 sarilhom tibdil żgħir fid-disinn biex ikunu konformi mal-linji gwida komuni maħruġin mill-Kummissjoni Ewropea. Pereżempju, is-sena issa tidher imnaqqxa fil-parti ta’ ġewwa tal-munita.

Muniti ta' 10 ċenteżmi, 20 ċenteżmu u 50 ċenteżmu: Dawn juru xbieha ta' Miguel de Cervantes, missier il-letteratura Spanjola, li tirrifletti "l-universalità tal-bniedem u ta' xogħlu".

Spanja

Il-paġni kollha f’din it-taqsima