Riċerka u żvilupp tal-karti tal-flus
Il-Bank Ċentrali Ewropew, bħall-banek ċentrali kollha tal-Eurosistema, għandu d-dmir li jħares l-integrità u s-sigurtà tal-karti tal-flus tal-euro tiegħu. Biex niżguraw li l-karti tal-flus tal-euro jibqgħu aċċessibbli u inklussivi, aħna niżviluppaw karatteristiċi ta’ sigurtà innovattivi li kulħadd jista’ jagħraf u jafda faċilment. Biex nissieltu l-falsifikaturi, naħdmu kontinwament biex intejbu dawn il-karatteristiċi u niżviluppaw oħrajn ġodda għall-karti tal-flus futuri. Naħdmu wkoll għal soluzzjonijiet teknoloġikament sostenibbli li jistgħu jgħinu jnaqqsu l-impronta ambjentali tal-karti tal-flus u l-proċessi tal-euro tagħna.
Huwa għalhekk li nikkoordinaw u niffinanzjaw firxa wiesgħa ta’ proġetti ta’ riċerka u żvilupp.
Oqsma ta' riċerka
Proġetti ta’ riċerka ffinanzjati jistgħu jvarjaw minn analiżi għal żmien qasir u studji ta’ fattibilità għal proġetti ta’ żvilupp fuq żmien itwal u anki provi tal-istampar għal karatteristiċi ġodda ta’ karti tal-flus.
Dawn li ġejjin huma wħud mill-oqsma li rridu nrawmu u li minnhom nibbenefikaw.
- Karatteristiċi ta’ sigurtà tal-karti tal-flus
- Teknoloġija tal-ipproċessar u l-immaniġġjar tal-produzzjoni tal-karti tal-flus
- Teknoloġiji li jtejbu l-impronta ambjentali taċ-ċiklu tal-flus kontanti
- Ix-xjenza tal-perċezzjoni u l-konjizzjoni
Min hu eliġibbli għall-finanzjament?
Il-BĊE jistieden lill-kumpaniji kummerċjali, istituti tar-riċerka u partijiet professjonali oħra li għandhom kompetenza fl-oqsma teknoloġiċi rilevanti, biex iressqu l-proposti tal-proġetti tagħhom. M’għandekx għalfejn tkun stabbilit fl-UE biex tapplika.
Kif tikkuntattjana dwar il-proposta tal-proġett tiegħek
Jekk għandek prodott jew kunċett li taħseb li jista’ jkun ta’ interess biex il-BĊE jużah fil-karti tal-flus tal-euro, jekk jogħġbok imla din il-formola bl-Ingliż u ibgħatha lil[email protected]. Jekk jogħġbok kun żgur li l-formola mimlija ma tkunx itwal minn tliet paġni A4.
Jekk inti interessat(a) tissottometti proġett f’dan il-qasam ta’ karatteristiċi tas-sigurtà pubblika għall-karti tal-flus, tista’ titlob il-linji gwida tad-disinn permezz tal-indirizz tal-email hawn fuq.
Biex tipproteġi l-komunikazzjonijiet tiegħek magħna, tista’ wkoll tuża l-kriptaġġ PGP billi tniżżel iċ-ċavetta pubblika tagħna għas-sottomissjoni tal-proġett. Nagħmlu mill-aħjar biex inwieġbu s-sottomissjonijiet fi żmien xahar.
Jekk il-proposta tiegħek tinteressana, aħna nabbozzaw u nitolbuk tiffirma ftehim ta’ kunfidenzjalità biex niżgurawha qabel ma naqsmu aktar dettalji. Imbagħad nibagħtulek aktar struzzjonijiet u mudelli għas-sottomissjoni formali tal-proposta tiegħek. Dawn huma ta’ natura standard għall-proġetti kollha ffinanzjati mill-BĊE.
Eżempji ta' proġetti preċedenti