Il-ġestjoni tar-riskji relatati mal-klima
Aħna nkejlu, nimmaniġġjaw u nimmonitorjaw ir-riskji relatati mal-klima sabiex il-prezzijiet jinżammu stabbli u l-banek jinżammu sikuri. Nesploraw ukoll ir-relazzjoni bejn in-natura, l-ekonomija u l-banek taż-żona tal-euro.
Għaliex huma importanti għall-BĊE r-riskji relatati mal-klima u n-natura?
It-tibdil fil-klima u t-telf u d-degradazzjoni tan-natura jaffettwaw kif tiffunzjona l-ekonomija tagħna
Dan iseħħ b’riżultat ta’ żewġ tipi ta’ riskju:
- ir-riskji fiżiċi ta’ klima li qed tinbidel, inklużi avvenimenti tat-temp severi aktar frekwenti bħal għarar, nixfiet u maltempati, u dawk tal-ekosistemi li qegħdin ibattu b’riżultat tat-tnaqqis fl-insetti dakkara u d-deforestazzjoni
- Ir-riskji tat-tranżizzjoni mill-qalba lejn ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew li jirriżultaw minn bidliet regolatorji li jillimitaw l-isfruttament tar-riżorsi naturali
Ir-riskji relatati mal-klima għandhom impatt fuq indikaturi makroekonomiċi bħall-inflazzjoni, it-tkabbir ekonomiku, l-istabbiltà finanzjarja u t-trażmissjoni tal-politika monetarja. Dawn jaffettwaw ukoll il-valur u l-profil tar-riskju tal-assi fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema.
It-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi naturali aktarx li jamplifikaw ir-riskji relatati mal-klima. Jeħtieġ li niksbu għarfien dwar dawn ir-riskji u kif dawn għandhom impatt fuq l-ekonomija usa’ u l-istabbiltà finanzjarja.
It-tibdil fil-klima huwa importanti għall-ħidma tagħna bħala bank ċentrali u superviżur
Jeħtieġ li nqisu l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq ix-xogħol li nagħmlu biex inżommu l-istabbiltà finanzjarja u tal-prezzijiet. Dan ifisser li ninkorporaw il-kunsiderazzjonijiet tat-tibdil fil-klima:
- fl-analiżi u teħid ta’ deċiżjonijiet tagħna
- fil-mudelli, projezzjonijiet u xenarji makroekonomiċi tagħna
- fil-valutazzjoni tagħna tal-istabbiltà finanzjarja
- fl-analiżi u t-trasmissjoni tal-politika monetarja tagħna
- fil-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tagħna
Il-kejl u l-monitoraġġ ta’ dawn ir-riskji huwa importanti wkoll għalina biex inħarsu s-sikurezza u s-sodezza tas-settur bankarju taż-żona tal-euro u tas-sistema finanzjarja kollha. Hija r-responsabbiltà tagħna li niżguraw li l-banek ikunu jistgħu jidentifikaw, jimmaniġġjaw u jiżvelaw ir-riskji kif suppost, inklużi dawk li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima.
Jeħtieġ ukoll li nimmaniġġjaw ir-riskji relatati mal-klima fil-portafolli tagħna stess.
Il-klima u n-natura huma interdipendenti: it-tibdil fil-klima huwa ta’ theddida addizzjonali għall-ekosistemi tagħna u d-degradazzjoni naturali taċċelera t-tibdil fil-klima. Bħala bank ċentrali u superviżur bankarju, jeħtieġ ukoll li nesploraw aktar ir-relazzjoni bejn il-klima, in-natura, l-ekonomija tagħna u l-banek taż-żona tal-euro.
X’qed jagħmel il-BĊE biex jimmaniġġja r-riskji relatati mal-klima?
Aġġustament tal-operazzjonijiet tal-politika monetarja tagħna
Qegħdin intejbu l-kapaċitajiet tagħna ta’ valutazzjoni tar-riskju, li jinkludu l-ġestjoni tal-iskoperturi għar-riskju tal-klima fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema u l-valutazzjoni ta’ kif il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu li nużaw jirriflettu t-tibdil fil-klima. Fejn ikun xieraq, nagħtu wkoll rendikont għall-impatt tat-tibdil fil-klima fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-politika monetarja tagħna, li jkopri x-xiri ta’ assi u l-qafas tal-kollateral tagħna.
Stqarrija għall-istampaTwettiq ta’ testijiet tal-istress tal-klima u valutazzjoni tar-riskji finanzjarji relatati mal-klima
Aħna nagħmlu testijiet tal-istress fuq il-karta tal-bilanċ tal-Eurosistema, fuq il-banek li nissorveljaw u fuq l-ekonomija usa’. Dan jgħin lilna u lil ħaddieħor biex nifhmu u nimmaniġġjaw l-espożizzjoni għal riskji relatati mal-klima, kif ukoll riskji sistemiċi relatati oħrajn għas-sistema finanzjarja. B’dan il-mod, inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet aktar infurmati. Nistudjaw ukoll id-dipendenza tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja fuq in-natura.
Titjib tal-immudellar u d-data tagħna
Aħna ppubblikajna sett inizjali ta' indikaturi relatati mal-klima biex intejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data dwar il-klima. Barra minn hekk, intejbu kontinwament l-immudellar tagħna biex nivvalutaw l-impatt tat-tibdil fil-klima u tat-telf u d-degradazzjoni tan-natura fuq l-ekonomija tagħna.
Indikaturi relatati mat-tibdil fil-klimaNiżguraw li l-banek jimmaniġġjaw ir-riskju relatat mal-klima
Fir-rwol tagħna bħala superviżur bankarju, niżguraw li l-banek ikollhom approċċ sikur u prudenti biex jidentifikaw, jivvalutaw u jimmaniġġjaw riskji relatati mal-klima u riskji ambjentali, u li jiżvelaw b’mod trasparenti r-riskji li huma esposti għalihom.
Tibdil fil-klima u superviżjoni bankarja