Ekonomija ċirkolari u regoli dwar skart mill-imballaġġ, il-batteriji u t-tessuti
Il-MPE se jivvutaw dwar is-sospensjoni ta’ obbligi imposti fuq kumpaniji biex jiżguraw il-ġestjoni tal-prodotti tagħhom ladarba jintremew u jiddiskutu l-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari.
Skont il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-iskart, il-produtturi li jġibu l-prodotti fis-suq tal-UE jħallsu tariffi li jgħinu biex ikopru l-kost tal-ġbir, tas-separazzjoni u tar-riċiklaġġ ta’ dawn il-prodotti ladarba jsiru skart (magħrufa bħala responsabbiltà estiża tal-produttur, jew EPR). Ir-regoli fis-seħħ jagħtuhom ukoll mandat biex jaħtru rappreżentant awtorizzat għall-obbligi tal-EPR f’kull Stat Membru fejn ibigħu l-prodotti tagħhom. Biex jitnaqqsu l-ostakli fis-suq uniku tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet li tissospendi dan l-obbligu għal leġiżlazzjoni li għandha impatt fuq il-batteriji, l-imballaġġ, it-tessuti, iż-żraben, l-elettronika u l-plastik li jintuża darba biss.
Fil-pożizzjoni adottata mill-Kumitat għall-Ambjent, il-Membri tal-PE appoġġaw sospensjoni aktar immirata li tapplika biss għall-intrapriżi żgħar u mikro bbażati fl-UE (inqas minn 50 impjegat u fatturat annwali jew karta tal-bilanċ taħt l-EUR 10 miljun) u sal-2035, jew sakemm jiġi adottat Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari aktar komprensiv.
Il-Membri tal-PE se jiddibattu l-leġiżlazzjoni t-Tnejn, segwit minn votazzjoni dwar il-pożizzjoni tal-Parlament it-Tlieta. Jekk jiġi adottat, il-Parlament ikun lest għan-negozjati mal-istati membri dwar il-forma finali tal-liġi.
F'dibattitu separat mal-Kunsill u l-Kummissjoni l-Erbgħa, il-Membri tal-PE se jippreżentaw il-prijoritajiet tagħhom għall-Att dwar l-Ekonomija Ċirkolari li jmiss, biex jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-Ewropa, jagħtu spinta lill-kompetittività, u jagħmlu l-ħajja tal-Ewropej aktar affordabbli.