Il-Briefing 
 

Il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia: Il-PE jiddiskuti d-dewmien fil-ġustizzja 

Disa' snin wara l-assassinju tal-ġurnalista, il-MPE u l-Kummissjoni se jiddiskutu l-iżviluppi fil-każ ġudizzjarju u l-istat tad-dritt f'Malta, l-Erbgħa.

Daphne Caruana Galizia nqatlet f'attakk b'karozza bomba fis-16 ta' Ottubru 2017. Il-protesti dwar it-trattament ħażin tal-investigazzjoni mill-awtoritajiet fl-aħħar mill-aħħar wasslu għar-riżenja tal-Prim Ministru ta' dak iż-żmien Joseph Muscat.

Ħames persuni ntbagħtu l-ħabs minħabba r-rwol tagħhom fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, iżda l-moħħ wara l-assassinju għad irid jiġi kkundannat. Kritiċi dwar in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni, diġà f'Diċembru 2019 il-Membri tal-PE talbu lill-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni. Minn dak iż-żmien ’l hawn, huma rrevedew il-kwistjoni regolarment – inkluż f’riżoluzzjoni tal-2023 li tikkundanna l-progress limitat fit-tressiq ta’ dawk responsabbli quddiem il-ġustizzja.

Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu – ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet

Ir-rebbieħ tal-Premju Daphne Caruana Galizia għall-Ġurnaliżmu se jitħabbar nhar l-Erbgħa fis-18.00, 21 ta' Ottubru, fil-Parlament fi Strasburgu. Għaxar investigazzjonijiet intgħażlu, minn rekord ta’ 344 sottomissjoni. Il-premju ta' €20,000 jirrikonoxxi l-ġurnaliżmu eċċellenti li jiddefendi l-valuri tal-UE u juri l-appoġġ tal-Parlament għall-ġurnaliżmu investigattiv u stampa ħielsa.