Il-Briefing 
 

Appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali 

It-Tlieta, il-Parlament se jiddibatti l-appoġġ tal-UE għall-ġustizzja internazzjonali u r-rispons tagħha għas-sanzjonijiet tal-Istati Uniti kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali.

Fid-9 ta’ Ottubru, il-gvern tal-Istati Uniti ħabbar sanzjonijiet kontra l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), filwaqt li akkużaha b’politiċizzazzjoni u b’immirar inġust ta’ ċittadini tal-Istati Uniti għal prosekuzzjonijiet ta’ delitti tal-gwerra. Sal-lum, l-Istati Uniti imponew sanzjonijiet fuq 17-il individwu affiljati mal-QKI. L-aħħar miżuri, fost azzjonijiet oħra, se jiffriżaw kwalunkwe assi tal-QKI miżmuma fil-ġurisdizzjoni tal-Istati Uniti.

Il-Membri tal-PE ripetutament ikkritikaw il-kampanja tal-Istati Uniti kontra l-QKI. Fid-dikjarazzjoni l-aktar reċenti tagħhom, maħruġa fid-9 ta' Ottubru, il-Membri ewlenin tal-PE kkundannaw is-sanzjonijiet bħala "attakk inaċċettabbli fuq il-pedamenti tal-ġustizzja internazzjonali" u appellaw lill-UE biex turi solidarjetà attiva mal-QKI u l-persunal tagħha.

Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-10 ta' Ottubru, il-kap tal-politika barranija tal-UE Kaja Kallas wissiet li t-theddid kontra l-Qorti mhuwiex aċċettabbli. Is-Segretarju Ġenerali tan-NU António Guterres ikkritika bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Istati Uniti, u ddeskriva s-sanzjonijiet bħala “daqqa ta’ ħarta serja għall-insegwiment kollettiv tagħna tal-ġustizzja kriminali internazzjonali, li l-QKI hija pilastru ewlieni tagħha”.

Stabbilita fl-2002, il-QKI hija qorti internazzjonali li għandha l-mandat li tħarrek individwi akkużati b’ġenoċidju, delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u d-delitt ta’ aggressjoni.