This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013R0216
Council Regulation (EU) No 216/2013 of 7 March 2013 on the electronic publication of the Official Journal of the European Union
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas- 7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 216/2013 tas- 7 ta’ Marzu 2013 dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
ĠU L 69, 13.3.2013, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/03/2024
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/216/oj
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modified by | 32018R2056 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 | 16/01/2019 | |
Modified by | 32024R0741 | Sostituzzjoni | artikolu 2 paragrafu 1 | 14/03/2024 | |
Modified by | 32024R0741 | Żieda | artikolu 2 paragrafu 4 | 14/03/2024 | |
Modified by | 32024R0741 | Sostituzzjoni | artikolu 3 | 14/03/2024 |
13.3.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 69/1 |
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 216/2013
tas-7 ta’ Marzu 2013
dwar il-pubblikazzjoni elettronika ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 352 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 297 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jitratta l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “il-Ġurnal Uffiċjali”) u d-dħul fis-seħħ tal-atti legali tal-Unjoni. |
(2) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1/1958 (1), inklużi emendi sussegwenti magħmulin fih, jistabbilixxi l-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. |
(3) |
L-edizzjoni stampata tal-Ġurnal Uffiċjali, disponibbli fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, hija attwalment l-unika pubblikazzjoni li torbot legalment, għalkemm hija disponibbli wkoll fuq l-Internet. |
(4) |
Id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (2) tiżgura li l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet jippermetti li l-istituzzjonijiet jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jippubblikaw it-testi leġislattivi. |
(5) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea iddeċidiet, fil-Kawża C-161/06 Skoma-Lux sro v Celní ředitelství Olomouc (3), li l-atti legali tal-Unjoni mhumiex infurzabbli kontra l-individwi jekk ma jkunux ġew ippubblikati b’mod korrett fil-Ġurnal Uffiċjali u li l-fatt li dawn l-atti jkunu disponibbli onlajn mhuwiex ugwali għal pubblikazzjoni valida fil-Ġurnal Uffiċjali fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regola f’dak ir-rigward fil-liġi tal-Unjoni. |
(6) |
Jekk il-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali fil-forma elettronika kellha tikkostitwixxi pubblikazzjoni valida, ikun possibbli l-aċċess aktar malajr u aktar ekonomiku għal-liġi tal-Unjoni. Madankollu, iċ-ċittadini għandhom ikomplu jkollhom il-possibbiltà li jottjenu verżjoni stampata tal-Ġurnal Uffiċjali mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet. |
(7) |
Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Aġenda Diġitali għall-Ewropa” tenfasizza li l-aċċess għall-kontenut legali online jiffavorixxi l-iżvilupp tas-suq intern diġitali, li jwassal għal benefiċċji ekonomiċi u soċjali. |
(8) |
Ir-regoli li jiżguraw l-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-pubblikazzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandhom għalhekk jiġu stabbiliti. |
(9) |
Dan ir-Regolament għandu wkoll jistabbilixxi regoli applikabbli f’każijiet fejn, minħabba ċirkostanzi mhux previsti u eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li tiġi ppubblikata u ssir disponibbli l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali. |
(10) |
Id-Direttiva 1999/93/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 1999 dwar qafas Komunitarju għall-firem elettroniċi (4) tistabbilixxi l-effetti legali tal-firem elettroniċi bħala mezz ta’ awtentikazzjoni. Għall-finijiet tal-iżgurar tal-awtentiċità, l-integrità u l-inalterabbiltà tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali, firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat u maħluqa b’tagħmir li joħloq firem siguri skont dik id-Direttiva tipprovdi garanziji biżżejjed għall-pubbliku. Għandu jkun possibbli li il-Ġurnal Uffiċjali ffirmat b’mod elettroniku jiġi vverifikat b’mezzi faċilment disponibbli. |
(11) |
L-aċċess għas-sit elettroniku EUR-Lex għandu jiġi żgurat f’konformità mal-impenji għall-ħarsien ta’ persuni b’diżabbiltà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà (5). |
(12) |
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb l-għan li jippermetti liċ-ċittadini kollha Ewropej li joqogħdu fuq il-pubblikazzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali, peress li l-ambitu tiegħu huwa limitat biex jagħmel din il-pubblikazzjoni awtentika, bl-istess mod bħalma hija llum il-pubblikazzjoni stampata. |
(13) |
Għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-TFUE ma jipprevedix poteri għajr dawk taħt l-Artikolu 352, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Il-Ġurnal Uffiċjali għandu jiġi ppubblikat fil-forma elettronika, skont dan ir-Regolament, bil-lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
2. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3, il-Ġurnal Uffiċjali ppubblikat fil-forma elettronika biss (minn hawn ‘il quddiem “l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali) għandu jkun awtentiku u għandu jipproduċi effetti legali.
Artikolu 2
1. L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandu jkollha firma elettronika avvanzata bbażata fuq ċertifikat kwalifikat u maħluqa b’tagħmir li joħloq firem siguri, skont id-Direttiva 1999/93/KE. Iċ-ċertifikat kwalifikat u t-tiġdid tiegħu għandhom jiġu ppubblikati fuq is-sit elettroniku EUR-Lex sabiex ikun possibbli għall-pubbliku li jivverifika l-firma elettronika avvanzata u l-karattru awtentiku tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali.
2. L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandha turi l-informazzjoni rigward id-data tal-pubblikazzjoni tagħha.
3. L-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku EUR-Lex f’format li jibqa’ jintuża u għal żmien illimitat. Il-konsultazzjoni tagħha għandha tkun bla ħlas.
Artikolu 3
1. Fejn mhux possibbli li l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali tiġi ppubblikata minħabba interruzzjoni mhux prevista u eċċezzjonali fis-sistema tal-informazzjoni fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, is-sistema tal-informazzjoni għandha tiġi rrestawrata kemm jista’ jkun malajr.
Il-mument li fih isseħħ tali interruzzjoni għandu jiġi stabbilit mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet.
2. Fejn ikun meħtieġ li jiġi ppubblikat il-Ġurnal Uffiċjali meta s-sistema ta’ informazzjoni fl-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet ma tkunx operattiva minħabba interruzzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1, l-edizzjoni stampata biss tal-Ġurnal Uffiċjali għandha tipproduċi effetti legali.
Ladarba s-sistema ta’ informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni tkun irrestawrata, il-verżjoni elettronika korrispondenti tal-edizzjoni stampata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha ssir disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-EUR-Lex għall-finijiet ta’ informazzjoni biss u għandha tinkludi avviż dwar dan.
3. Ladarba s-sistema tal-informazzjoni tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tkun irrestawrata, is-sit elettroniku tal-EUR-Lex għandu jagħti informazzjoni dwar l-edizzjonijiet stampati kollha li jipproduċu effetti legali skont l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2.
Artikolu 4
1. Fir-rigward tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jkun responsabbli sabiex:
(a) |
jippubblikaha u jiggarantixxi l-awtentiċità tagħha; |
(b) |
jimplimenta, iħaddem u jmantni s-sistema tal-informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali, u jtejjeb dik is-sistema f’konformità mal-iżviluppi tekniċi tal-ġejjieni; |
(c) |
jimplimenta u jestendi l-faċilitajiet tekniċi biex jiżgura l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha tal-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali; |
(d) |
jistabbilixxi s-sigurtà interna u r-regoli ta’ aċċess fir-rigward tas-sistema tal-informazzjoni li tipproduċi l-edizzjoni elettronika tal-Ġurnal Uffiċjali; |
(e) |
jippreserva u jarkivja l-fajls elettroniċi u jużahom f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi tal-ġejjieni. |
2. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet għandu jwettaq ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 1 skont id-Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tar-raba’ xahar kalendarju wara l-addozzjoni tiegħu.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
A. SHATTER
(1) Regolament Nru 1 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU 017, 6.10.1958, p. 385/58).
(2) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 41.
(3) Ġabra 2007, p. I-10841.
(4) ĠU L 13, 19.1.2000, p. 12.
(5) ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.